Fit-3am tat-Tnejn 9 t'Awwissu rfisna għall-ewwel darba fuq l-art Etjopjana. F'dak il-ħin ta' filgħodu ftit li xejn kien hemm nies, l-ajruport kien kwiet u għaddejna l-bagalji mingħajr problemi ta' xejn. Iżda mbagħad inħsadna meta ndunajna li l-bagalja ta' Amanda ma kinetx waslet! Diżappuntati li x-xorti ħażina kellha tmiss lil waħda minna ftaħna l-claim bit-tama li ma ddumx ma tasal il-bagalja wara ftit jiem possibli. Iżda hekk kif konna ħa noħorġu mill-ajruport iż-żewġ Manwelijiet tal-grupp jindunaw li bagalja tixbah lil ta' Amanda kienet qegħda għand waħda mara. Meta morna fuqha biex niċċekjaw rajna li l-bagalja vera kienet bħal ta' Amanda, ppruvajna ċ-ċavetta fil-katnazz u nfetħet. Ħadna r-ruħ li l-bagalji kollha kienu waslu u b'hekk irnexxilna nevitaw l-ewwel diżavventura tal-esperjenza b'wiċċ il-ġid.
Ftit wara lmaħna lix-xufier tal-vann li kellu jwassalna minn Addis għal Bahir Dar. u b'hekk għabbejna l-bagalji fuq il-vann biex nibdew dan il-vjaġġ twil ta' madwar 12-il siegħa biex naslu fl-ewwel post li fih kellna nibdew il-missjoni tagħna. F'dak il-ħin kmieni ta' filgħodu stajt ninnota ftit affarijiet fuq il-belt ta' Addis Abeba.
20.9.10
15.9.10
LURA MALTA - L-1 parti tar-rakkont
Għaddiet ġimgħa minn meta wasalna lura Malta u dak li taħseb li tkun għaddejt minnu fix-xahar li għamilt l-Etjopja tibda tirrealizza ftit aktar x’kien, fejn kont u x’esperjenza għamilt. Wara ġimgħa xorta nħoss li għadu m’għaddiex biżżejjed żmien biex nifhem eżatt l-esperjenza f’dak kollu li tista toffri. Iżda bdejt nirrealizza xi affarijiet u naħseb li kelli bżonn li nkun lura hawn Malta biex nibda nirrealizzahom.
Il-Ħadd 8 t’Awwissu 2010 - Tluq minn Malta
Il-ġurnata tant mistennija kienet waslet. Il-jum li naqbdu l-ajruplan biex nibdew l-esperjenza tagħna fl-Etjopja kien magħna. L-aħħar ġimgħa kienet waħda t’eċitament għalija u ta' ħafna ħsibijiet. Jekk matul is-sena qatt ma kelli dubju minn dak li kont ħa nagħmel, f’din l-aħħar ġimgħa kull dubju li jeżisti beda jiġi f’moħħi. Kelli dubju fuq jekk ħadtx il-ħwejjeġ adattati għal din l-esperjenza, kif ħa nippakja l-mediċina u nqiegħed kollox fil-bagalja, jekk hux ħa jkollna problemi biex ngħadduhom mill-ajruport t’Addis, kif ħa nissaporti fil-vjaġġ twil li għandna, il-mard li ħa nkun qed niffaċja, l-grupp li ħa nkun miegħu, n-nies kif ħa jilqgħuna u mitt ħaġa oħra. F’moħħi ġiet stampa tar-rivista Missionworld li kienu jqassmulna fl-iskola primarja. Din ir-rivista, bil-format tagħha, bil-karti li tuża u b’dak kollu li kienet magħmula kienet tfakkrek fil-faqar. U l-istampi li kien ikolla fuq l-Afrika, kollha kienu jkunu ta’ nixfa kbira, tfal għarwenin b’żaqqhom minfuħa, wiċċhom miksi dubbien ħdejn djar magħmula mill-pjanċi. Ma stajtx ma nsaqsiex jekk din l-istampa li baqgħet ittimbrata f’moħħi hijiex ir-realtà li ħa nkun qed nara u x’irrid nagħmel jiena f’din is-sitwazzjoni.
Subscribe to:
Posts (Atom)