11.3.10

Lesti l-Figolli....xi jmiss?


Madwar 900 figolla maħdumin fit-3 ijiem u mibjugħin f’4 ijiem.

Din kienet l-esperjenza tagħna tal-figolli. Għal darba oħra ma nistax ma nikkumentax fuq il-fatt li sibna tant nies ta’ qalb tajba lesti li jgħinuna. Irridu nirringrazzjaw lid-Dolceria Primavera li ħadu ħafna paċenzja bina, fejn ħallewna nużaw il-makkinarji tagħhom kif ukoll għamlulna l-għaġina u ħawdulna l-intrita. Saħansitra offrew li jaħmulna numru ta’ figolli. Ukoll wara reġgħu għamlulna 200 figolla oħra biex inlaħħqu man-numru kbir ta' nies li ordnaw il-figolli minn għandna.

Irridu nirringrazzjaw lil sponsors li provdewlna ċertu ingredjenti b’xejn bħal Giormina għad-dqiq u z-zokkor, l-Lamb Brand għall-icing sugar, Ta' Ganza u Anthony Busuttil Ltd għaz-zokkor u fran f'Birkirkara u Ħal Balzan li ħmewlna l-figolli.

Sehem kbir tahulna n-nies tal-każin Għaqda Mużikali Sant' Elena Birkirkara (magħrufa bħala tal-Bagri) li ħallewna nużaw is-sala tal-każin biex naħdmu l-figolli fihom, sabulna forn fil-viċin biex naħmuhom fihom u ħafna nies mill-każin li qattgħu ħin twil magħna jaħdmu l-figolli.

Is-Sibt 27 u l-Ħadd 28 ta’ Frar jibqgħu magħrufin magħna għal maratona ta’ figolli. Iltqajna fl-4am u bdejna naħdmu l-figolli biex infittxu naħmu l-ewwel fornata fis-7am. Domna għaddejin sat-8pm u l-għada erġajna ltqajna fil-5am u domna sat-8pm naħdmu, naħmu u nżejjnu l-figolli. Kellna diversi nies li ġew jgħinuna; nies li ħadmu l-figolli, d-dulċier Gordon li urina kif għandna nżejjnu (imbagħad Melanie tgħallmet is-sengħa u bdiet tagħmlilna t-taħlita hi!) u oħrajn li offrewlna l-għajnuna tagħhom.

U dak il-ħin stess kif bdejna nagħmluha, l-figolli bdew jinxtraw bir-riħa tfuħ li bdiet ħierġa. Mill-każin stess kien hemm ħafna nies li tawna d-donazzjoni tagħhom u ħadu figolla u dan ir-ritmu mgħaġġel baqa’ għaddej għaliex fit-3 ijiem spiċċawlna l-figolli kollha!



Laqgħa ta' Marzu

Fit-8 ta’ Marzu kellna laqgħa oħra l-Fgura. Din il-laqgħa għamilna evalwazzjoni fuq kif morna fl-ewwel attività kbira li organizzajna: l-figolli. Rajna li kieku organizzajna aktar ruħna u tqassamna aħjar konna ngħajjew ħafna inqas. Dawn il-laqgħat huma importanti biex niċċaraw l-affarijiet bejnietna u naraw kif iffaċjajna l-problemi li nqalgħu u b’hekk nkunu nistgħu nitgħallmu kif ħa niffaċjaw problemi li nistgħu niltaqgħu magħhom l-Etjopja. Kulħadd stqarr kemm kienet emozzjoni kbira u sabiħa tara dawk in-nies kollha lesti biex jgħinu minn qalbhom bir-rieda tagħhom.

14 ta' Marzu 2010 - Car Boot Sale

L-attività li jmiss hija l-car boot sale nhar il-Ħadd 14 ta’ Marzu ir-Razzett tal-Ħbiberija. Din id-darba għamilna roster ta’ kif ħa ninqasmu u mill-esperjenza jidher li ħa nitgħallmu.

Barra minn hekk, il-ħabib tagħna Brandon offra biex jagħmel maratona ta’ 24 siegħa mixi. Kull min irid jipparteċipa f’din il-maratona, li ħa ssir t’April, ħa jagħti donazzjoni ta’ €5. M’hemmx għalfejn tagħmel il-mixja kollha; tista’ anke tagħmel parti minna u tkun qed tagħti sehmek. Minn fuq facebook diġa hemm madwar 80 persuna li kkonfermaw li ħa jagħmlu din il-mixja.

Issetjajna ukoll id-dati li fiha ħa ssir il-Household, jiġifieri għal ġimgħa sħiħa ngħixu flimkien fl-istess dar. Din l-esperjenza għanda tiswilna biex nidraw il-karattri ta’ xulxin, id-difetti li kull wieħed minna għandu u l-burdati ħalli meta nkunu qed ngħixu għal xahar sħiħ flimkien fl-Etjopja nkunu nafu kif għandna nġibu ruħna mingħajr ma noħolqu problemi fi ħdan il-grupp stess u niksru l-ekwilibriju u l-atmosfera tal-esperjenza.

Aktar għajnuna, aktar ideat

Ħbieb tagħna offrew li jagħmlu gigs fejn min ikun qed jattendi jagħti donazzjoni. Ideat oħra spontanji ġejjin minn nies ta’ qalb tajba.

Saħħa u sliem

Henry

Ritratti mill-maratona tal-figolli