Il-grupp Towards Our Sivana ngħaqad fis-Sajf tal-2009 b'xewqa komuni, dik li mmorru nagħmlu xi xogħol volontarju fl-Afrika. 13-il persuna li ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja. M'aħniex xi qaddisin...iżda ħassejna li aħna xxurtjati biżżejjed biex nistgħu nagħtu xi ħaġa lura. U b'hekk bdiet il-ħolma tal-Etjopja. Ikkuntatjajna lil Living Waters li issa ilhom snin jagħmlu xogħol volontarju fl-Etjopja u dawn aċċettawna u qasmu magħna din il-ħolma.

Dan il-blogg nixtiequh ikun id-djarju online tagħna biex l-esperjenza ma tibqax tagħna biss. Hawnhekk ħa ngħidu xi preparamenti qed nagħmlu għas-sajf li ġej, il-volontarji jniżlu il-ħsibijiet li jgħaddu minnhom, xi problemi li nistgħu niltaqgħu magħhom, kif ukoll ħa nkunu qed inħabbru avvenimenti li nkunu ħa norganizzaw. Tkunu tistgħu ssegwu l-passi tagħna.
IL-VIDJOW!
Ilbieraħ ippreparajna l-vidjow li bih ħa nibdew inwasslu l-messaġġ u l-għanijiet tagħna. Għaddejna żmien sabiħ flimkien fejn kulħadd beda joħroġ bl-ideat kif nistgħu nkunu oriġinali, ma ntawlux iżżejjed iżda fl-istess ħin jasal il-messaġġ li rridu nwasslu. Kif tistgħu taħsbu meta jkollok ħafna nies jaħdmu fuq ħaġa waħda u kulħadd jagħti l-ideat tiegħu ndumu biex niddeċiedu u filfatt għamilna 5 siegħat sakemm ma lestejna l-filming! Imbagħad kien fadal l-editing! Ilbieraħ sirt naf xi jħossu dawk l-atturi u producers li jdumu jaħdmu siegħat sħaħ biex jagħmlu film u mbagħad dan ikun twil xi siegħa u nofs biss. Aħna hekk ġralna. Għamilna 5 siegħat biex ħloqna vidjow ta' minuta u nofs. Iżda l-prodott finali għoġobni. Tista' tara l-vidjow f'dan il-link.

Għalissa daqshekk. Aktar ħsibijiet u informazzjoni ngħadduhom darba oħra. Nittama li tibdew issegwu dan il-blogg u tikkumentaw il-ħsibijiet tagħkom ukoll.
Saħħa u sliem
Henry