Għalkemm l-esperjenza fiha nfisha ħa tibda l-ġimgħa d-dieħla, nistgħu ngħidu li din is-sena li għaddiet kienet kollha kemm hi parti mill-esperjenza li fiha kbirna flimkien bħala grupp u esperjenzajna emozzjonijiet u esperjenzi ta' nies oħra li għinu fl-iżvilupp tagħna.
Matul dan iż-żmien iltqajna ma' nies li ħadu interess fl-esperjenza li ħa nagħmlu, offrew l-għajnuna tagħhom b'sinċerità kbira mingħajr qatt ma stennew xejn lura. Il-ġenerożità ta' dawn in-nies ħalliet effett kbir fuqi fejn imdawwrin b'ħafna kummenti negattivi fuq id-dinja li ngħixu fiha llum, żgur li dawn in-nies ikkontradixxew dawn il-kummenti. Hawnhekk ma nistax ma nirringrazzjax lil ħafna nies differenti li għinuna b'xi mod jew ieħor: dawk li offrew l-għajnuna fiżika għax ħadmu magħna, dawk li offrewlna l-faċilitajiet tagħhom, dawk li offrewlna għajnuna finanzjarja u dawk li sponsorjawna. Mill-ġdid GRAZZI MILL-QALB
Wara li għamilna l-aħħar attività ta' ġbir ta' fondi, komplejna għaddejin b'laqgħat ta' preparazzjoni. Wieħed mit-testijiet importanti kien meta fl-aħħar ta' Ġunju għamilna ġimgħa ngħixu flimkien. Din kienet esperjenza importanti biex nibdew nidraw aħjar il-karattri ta' xulxin peress li ħa nkunu qed niġu wiċċ imb wiċċ għal xahar sħiħ fl-Etjopja. Żgur li xahar f'pajjiż b'kultura u ambjent differenti minn tagħna u l-esperjenzi li ħafna nies qalulna li ħa niltaqgħu magħhom jistgħu jħallu effett psikoloġiku fuqna. Għalhekk tajjeb li nkunu preparati biex kemm jista' jkun innaqqsu minn problemi li jistgħu jinqalgħu. Hawnhekk iddiskutejna ħafna sitwazzjonijiet li nistgħu niltaqgħu magħhom fl-Etjopja u kif għandna niffaċċjawhom; hekk per eżempju Etjopjani li jitolbuna għajnuna personali għandna nagħtuhilhom jew niddiskutuha mal-grupp u mas-sorijiet li ħa nkunu qed noqgħodu għandhom u li jafu n-nies tal-post aħjar minnna?
Fhimna li għandna nikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħna u nevitaw għajnuna b'mod personali għax b'din jigwadanjaw biss l-istess nies li jafu jagħmlu wiċċhom kif ukoll tħalli lil dawn in-nies tallaba iktar milli jgħinu lilhom infushom. Għalhekk l-għajnuna ssir bis-sorijiet bħala intermedjarji biex l-għajnuna żgur tmur għand min għandu bżonn u mqassma bejn kulħadd u kif għandha tkun.
Komplejna ukoll nieħdu l-aħħar tilqim tagħna kontra r-risku tal-mard u kellimna spiżjar li għamel din l-esperjenza fil-passat kif għandna nieħdu ħsieb saħħitna u l-iġjene tagħna f'dan il-pajjiż. Irridu noqgħodu attenti min-nemus tal-malarja, nisprejjaw ta' spiss u norqdu bil-mosquito nets, kif ukoll ma noqgħodux ħafjin minħabba l-jiggers li jidħlu fis-saqajn. Dan barra milli ma jaqbilx li nixorbu mill-ilma tal-post ħlief minn fliexken issiġġillati.Barra din il-preparazzjoni, ppreparajna ukoll xi tagħlim tal-Ingliż li ħa nkunu qed nagħmlu fil-parti ta' filgħodu tal-ġurnata. Differenti minn ħafna pajjiżi fid-dinja, hemm għatx kbir għat-tagħlim u mill-esperjenza ta' min mar qabilna qalulna li jkun hemm kju sħiħ jistenna li tiftaħ l-iskola. Wara nofsinhar ħa nkunu qed immorru l-postijiet li jissuġġerulna li għandna mmorru s-sorijiet jew patrijiet li ħa nkunu magħhom u naraw ukoll kif għaddejin il-proġetti li bdew fis-snin ta' qabel u x'jista' jsir ġdid. Barra minn hekk aħna dejjem ħa nkunu lesti biex nadattaw skont il-bżonn li jinqala.
Il-komunikazzjoni ma' Malta ħa tkun waħda diffiċli. Il-linja tal-mowbajl ħafna drabi mhuwiex ħa jaqbad u biex inċemplu minn linja fissa rridu mmorru f'post għal tal-apposta li l-ewwel jagħmel kuntatt mal-kapitali u forsi jgħaddu xi 2 jew 3 telefonati biss.
Sfortunatament Ann u Melanie, għal raġunijiet personali ma setgħux ikomplu l-esperjenza. Grazzi tal-esperjenza li qsamtu magħna u awguri għall-futur. Minflokhom ingħaqdet magħna Michelle mill-grupp Living Waters li diġà telgħet l-Etjopja qabel u għalhekk l-esperjenza li diġà għandha żgur ħa tkun ta' benefiċċju għall-grupp.
Fl-aħħar laqgħa tagħna beda jinħass xi ftit l-eċitament tal-aħħar għal xi wħud filwaqt li oħrajn l-emozzjonijiet għadhom ħa jibdew jinħassu. Żgur li din il-ġimgħa f'moħħna għandna biss ħsieb wieħed: iġri jasal is-14.30 ta' nhar il-Ħadd li ġej 8 t'Awwissu biex inkunu l-ajruport ħalli dak li ilna nippreparaw għalih nibdew inwettquh.Dan ħa jkun l-aħħar artiklu tiegħi qabel ma' nitilqu lejn l-Etjopja. Meta niġu lura nittama li nsib l-opportunità li naqsam magħkom dak kollu li nkunu għaddejna minnu f'dan ix-xahar.
Saħħa u s-sliem
Henry
(Ritratti Etjopja meħuda minn http://www.missjonietijopja.com/index.html)

IL-KALENDARJU TAGĦNA
8 t'Awwissu: L-Ajruport Internazzjonali ta' Malta fis-2.30pm biex naqbdu t-titjira tal-3.45pm.
9 t'Awwissu: Wara li nbiddlu l-ajruplan fil-Kajr naslu Addis Ababa fit-3am. Nitilqu b'vann għal vjaġġ ta' madwar 12-il siegħa lejn Baħir Dar fejn ħa nagħmlu l-ewwel volontarjat.
16 t'Awwissu: Immorru Pawe fejn ħa jsir volontarjat fit-tieni post
25 ta' Settembru: Immorru Mandura: it-tielet post ta' volontarjat tagħna
3 ta' Settembru: Lura Baħir Dar
6 ta' Settembru: Nitilqu minn Baħir Dar għal Addis Ababa
9 ta' Settembru: Titjira minn Addis Ababa fl-4am. Inbiddlu l-ajruplan fil-Kajr u naslu lura Malta fl-4pm.
0 comments:
Post a Comment