2.2.10

Uġigħ ta' ras - ġbir ta' fondi!


Hawn Malta bbumbardjati bi ġbir ta' fondi. U mingħajr ma tagħti tort lil ħadd kulħadd jibda jikkummenta "imma kemm ħa ndum nagħti". Għalhekk kull meta ffurmajt parti minn xi xogħol volontarju, l-iktar biċċa li kienet tbeżżagħni u l-inqas li nkun qed nistenna hija meta rridu niġbru l-fondi!


Kif ħa jirnexxilna nikkonvinċu ħafna nies biex għal darba oħra jerġgħu jdaħħlu idejhom fil-but u din id-darba jagħtu għal kawża li qed naħdmu għaliha aħna?

Dawn mhux ħa jibagħtuna nixxejru u jgħidulna li diġà taw u li issa mhux ħa jagħtu aktar?

U speċjalment nibża meta nitkellem man-nies, ngħidilhom li ħa mmur nagħmel xogħol volontarju fl-Etjopja u jgħiduli x'sejjer tagħmel barra meta nista' ngħin Malta stess.

Dawn il-kummenti kollha jġegħluni naħseb u ninkwieta li mhux biss dak li telgħin nagħmlu fl-Etjopja ma jirnexxilniex nagħmluh għax ma jkollniex fondi biżżejjed iżda ukoll li dak li nemmnu fih m'aħniex jirnexxilna nwassluh lin-nies. Għax aktar importanti milli kemm niġbru flus (li jiġi merħba bih u nipprova naħdmu bih...Malta qatt ma rrifjutat qamħ...u naħseb lanqas l-Etjopja) huwa l-kuxjenza li nistgħu nqajmu.


Aħna ċittadini Maltin iżda nappertjenu lid-dinja (jekk tippermettuli nikkwota lil Madre Tereża). Għalkemm ħa mmorru nagħmlu xogħol barra minn Malta ħafna minna diġà għamlu jew jagħmlu matul is-sena xogħol volontarju f'Malta stess għal Maltin. Xi membri mill-grupp huma parti mill-Youth Fellowship. Oħrajn organizzaw attivitajiet għal persuni b'diżabilità, xi membri huma parti miċ-ĊAMyouths filwaqt li membri tal-grupp kienu l-fundaturi tal-grupp Prisms. Inħossu li aħna pajjiż ixxurtjat li, bin-nuqqasijiet kollha tiegħu, l-affarijiet essenzjali bħal ilma, elettriku u edukazzjoni jinsabu hemm għal kulħadd. Għalhekk inħossu li aħna nistgħu nagħtu sehmna ukoll billi nkomplu nibnu ma' dak li bdew il-Living Waters fis-snin imgħoddija.

Fost il-proġetti li saru kien hemm il-bini ta’ djar b’livell tajjeb t’iġjene għal nies li lanqas kellhom saqaf fuq rashom, proġett li wassal ilma tajjeb għax-xorb minħabba li dan in-nuqqas ta’ ilma kien il-kawża ta’ ħafna mard u mwiet fost il-poplu Etjopjan, bini u rranġar ta’ skejjel biex jitjieb il-livell tal-edukazzjoni u b’hekk dan il-poplu jkun jista’ jgħin lilu nnifsu jimxi l-quddiem kif ukoll tqassim ta’ mediċina essenzjali, nieqsa f’dan il-pajjiż li twassal biex ċertu mard li jista’ jiġi kkontrollat jinfirex xorta waħda.

Minħabba li jien u Romilyn naħdmu bħala għalliema fl-istess skola, ħsibna li norganizzaw xi attivitajiet għall-istudenti tagħna. L-għan wara dawn l-attivitajiet mhuwiex biss li niġbru xi flus biex ngħinu lil kawża tagħna imma ukoll li fost l-istudenti li ngħallmu ndaħħlu l-mentalità t'altruwiżmu u li jkunu konxji tal-qagħda tad-dinja madwarhom. Jekk wieħed iħares biss madwaru jibqa' b'mentalità iżolana, magħluqa u tirriskja li tistagħġna bħal għadira bl-ilma qiegħed. Imma jekk nitfgħu ħarsitna l-bogħod nwessgħu l-orizzonti tagħna u niżviluppaw mentalità aktar wiesgħa.


Għalhekk ħa norganizzaw jumejn attivitajiet fid-9 u l-10 ta' Marzu b'logħob bħal Human Table-Soccer, Gladiator u Bungee-Run. Nittamaw li jkollna l-għajnuna kollha li jkollna bżonn għal attività bħal din għaliex ikollna bżonn ħafna nies. Barra minn hekk ma rridux intellfu min attivitajiet oħra li jsiru fl-iskola għall-għaqdiet oħrajn għax kulħadd bżonn l-għajnuna u b'hekk nirriskjaw li waħda ttellef lil oħra.

Irridu nilħqu bilanċ.

F'kollox u f'kullimkien.

Henry

0 comments:

Post a Comment