Darba f'xahar niltaqgħu biex nagħmlu laqgħa biex nippreparaw lilna nfusna għar-realtà li ħa nkunu qed niltaqgħu magħha fl-Etjopja. Għall-laqgħa ta' dan ix-xahar iltqajna f'dar il-Fgura u l-laqgħa kienet immexxija minn Naomi, Clive u Melanie.
Iżda qabel ma bdiet il-laqgħa kellna xi ħaġa sabiħa tistenniena. Marie Claire qassmitilna l-biljetti tal-ajru li ħa nużaw! Meta jkollok dawn l-affarijiet f'idejk din il-ħolma tibda tħossha daqsxejn aktar reali. Kulħadd moħħu fil-biljett issa; nerfugħ f'xi post biex ma jintilifx għax mingħajru ma nagħmlu xejn!!!
Ħa nivvjaġġaw bl-Egypt Air: nitilqu fit-8 t'Awwissu fil-4.45pm u naslu Kajr fit-8.25pm. Imbagħad minn Kajr nitilqu fil-11.15pm u naslu Addis Ababa fit-3.00am! Nagħmlu l-itinerarju bil-kontra biex niġu lura Malta fid-9 ta' Settembru u naslu fl-4pm.
L-Ice breakers.
Bdejna din il-laqgħa permezz ta' ice breaker ħelu mmexxi minn Naomi. L-għaxra li konna għal din il-laqgħa ngħaqadna f'ċirku u kulħadd qabad l-id ta' xi ħadd li ma kienx ħdejh biex iffurmajna għoqda umana! Issa l-bużillis kien li ridna jirnexxilna ninħallu u biex Naomi tagħmililna iktar diffiċli (bħal li kieku ma kinetx diġà!), kellna nagħmlu dan b'għajnejna magħluqa! Tistgħu taħsbu kemm dorna u dorna fuq li dorna biex nippruvaw inħollu din il-kobba iżda dur fuq il-lemin, oħra fuq ix-xellug u aqbeż xi id...u l-għoqda bdiet titgħaqqad iktar minn qabel. Sakemm ma ndunajna li l-għoqda kienet spiċċat żewġ ċrieki u li qatt ma konna ħa niġu ċirku wieħed! Miskina Ann! Kienet ilha tgħidilna ma nafx kemm b'din is-sitwazzjoni imma bl-entużjażmu biex ninħallu, bid-daħk u bl-istorbju ma konniex qed nagħtu kasha! Skużana Ann!
Wara Clive għamlilna eżerċizzju ieħor. Naħseb meta kontu żgħar ġieli lgħabtu l-logħba tat-telefon; wieħed jgħaddi l-messaġġ f'widnejn ta' ħdejh, dan jirrepetih lil ta' warajh sakemm ma l-aħħar wieħed jgħid x'kien il-messaġġ u naraw kemm inbidel mill-oriġinal. Iżda Clive varja ftit din il-logħba. Kull wieħed minnha kellu tazza bl-ilma u l-messaġġ kellna ngħadduh bl-ilma f'ħalqna! Ma naħsibx li għandi għaliex nispjega x'ġara. Il-vidjow t'hawn taħt juri lil Natalie tipprova tgħaddi l-messaġġ lil Manwel. Iġġudikaw intom kienx suċċess jew le.
L-aħħar eżerċizzju mexxietu Melanie. Tatna din is-sitwazzjoni biex naħdmu fuqha. Qassmitna f'żewġ gruppi taparsi żewġ familji Etjopjani.
L-ewwel familja
Din kienet magħmula mill-missier li jaħdem ta' bidwi, li jagħmel il-birra u jrabbi t-tiġieġ u li għandu 5 t'itfal. Dan il-missier jaqla madwar 13-il birr fix-xahar iżda m'hemm l-ebda garanzija li x-xahar ta' wara ħa jaqla' l-istess paga. (Birr hija l-munita Etjopjana. 13-il birr hija ekwivalenti għal Ewro.)
It-tieni familja
Din kienet magħmula minn aħwa biss għax il-ġenituri kienu mietu. L-aħwa kienu jiddependu mit-tifel il-kbir li jaħdem t'għalliem fi skola Kattolika u jaqla' 50 birr fix-xahar.
Melanie poġġiet fuq mejda prodotti immarkati bi prezzijiet kemm jista' jkun reali f'supermarket Etjopjan. Xi ftit mill-affarijiet u l-prezzijiet tagħhom kienu dawn:
ċereali - 50 birr
luminata - 10 birr
ħobża - 2 birr
patata - 3 birr
tadam - 9 birr
faħam - 50 birr
gallettini - 45 birr
Kellna nagħżlu x'ħa nixtru b'dik il-paga ta' xahar. Biex tkompli tgħaqad l-ewwel familja indunat li l-missier marad bil-malarja u l-mediċina għalija tiswa' 45 birr. Dan kien ifisser li jekk riedu jixtru din il-mediċina kellhom ifaddlu aktar minn 3 xhur paga bil-konsegwenza li ma jixtru xejn għal 3 xhur...tista' tgħid l-għażla spiċċat bejn li jmut il-missier biss jew tmut il-familja kollha biex jippruvaw isalvaw il-missier. It-tieni familja saret taf li għandhom ħuhom ieħor jgħix fil-kampanja u t-tifel il-kbir iddeċieda li jbiegħ id-dar ta' ħuhom, jaqla' 200 birr u jpoġġi lil ħuhom f'orfanatrofju.
Dawn is-sitwazzjonijiet pinġewlna b'mod iktar ċar is-sitwazzjoni fl-Etjopja. Fid-diskursata li kellna wara ħareġ il-fatt li dawn in-nies iridu biss jgħixu l-preżent - jekk ma jgħixux ġurnata b'ġurnata taħkimhom dik is-sensazzjoni t'inkapaċita. Pjanijiet għall-futur ftit li xejn setgħu jagħmlu.
Dawn l-episodji, flimkien m'oħrajn li rrakontawlna nies bħal Manwel u Melanie (li diġà għamlu xogħol volontarju fl-Etjopja) ikomplu jgħinuna naħsbu aktar dwar ir-realtà li ħa niffaċjaw u l-għajnuna kbira li hemm bżonn f'dan il-pajjiż.
Il-Logo F'din il-laqgħa ġie ppreżentat ukoll il-logo tal-grupp Towards our Sivana. Il-logo sar minn Manuel Cassar u juri 4 biċċiet ta' Jigsaw Puzzle; 3 minnhom huma bil-kuluri tal-bandiera Etjopjana filwaqt li l-parti li mhijiex imweħħla hija bajda. Malli tgħaqqada mal-parti l-ħamra tifforma l-bandiera Maltija. Prosit Manuel! (Tistgħu taraw il-logo fil-bidu ta' dan il-blogg.
Avvenimenti li ġejjin
Il-biċċa xogħol kbira li jmiss hija l-ġbir ta' fondi permezz tal-bejgħ tal-figolli. Għalhekk iddeċidejna li s-27 u t-28 ta' Frar huma d-dati li fihom ħa naħdmu fuq dawn il-figolli bl-għajnuna ta' ħafna nies. (Aktar dettalji u kif tistgħu tagħtu l-kontribut tagħkom jingħataw dalwaqt.)
Naomi ħarġet bl-idea li jsir car-boot sale. Dan huwa ppjanat li jsir fl-14 ta' Marzu 2010 ir-Razzett tal-Ħbiberija.
(Wara mix-xellug għall-lemin) Amanda, Clive u Manwel, (Quddiem mix-xellug għall-lemin) Melanie, Ann, Natalie, Naomi, Daniela, Marie Claire u Henry. (Nieqsa mir-ritratt: Manuel Cassar, Louise u Romilyn)
Saħħa u sliem
Henry
0 comments:
Post a Comment