20.2.10

Esperjenza mill-isbaħ...diġà

Ma tistax ma timteliex bil-ferħ, b'enerġija pożittiva u b'entużjażmu meta tesperjenza dak li qed ngħaddu minnhom f'dawn l-aħħar ġranet. Il-ġenerożità li qed inħossu u naraw madwarna minn nies li lanqas biss nafu u li minn jeddhom huma lesti li jgħinuna b'kull mod u kważi, kważi jippruvaw jagħmlulna l-ilma jiżfen, jimlilna qalbna bil-ferħ, iġġegħlek tinsa' d-dwejjaq u l-ħażin li sfortunatament tant nisimgħu fuqu, u timtela b'tama kbira mhux biss għal din l-esperjenza partikolari imma għal ħajja in ġenerali.

Figolli, figolli, figolli!

Bħalissa għaddejin gass mal-pjanċa fuq il-ħidma tal-figolli. Għalhekk bdejna nfittxu l-ingredjenti, l-forom, il-makkinarju u n-nies biex jaħdmu fuqhom. Ovvjament minħabba li dawn huma parti mill-ġbir ta' fondi, ma rridux li jinvolvu spejjeż kbar, l-aktar għax irridu nipproduċu 1000 figolla. Iżda hawnhekk fejn bdejna nesperjenzaw din l-enerġija pożittiva u rieda tajba mingħand ħafna nies, li fi ftit ħin kollox beda jagħqad f'daqqa b'entużjażmu kbir.

Id-Dolceria Primavera offritilna l-post u l-makkinarju biex nagħmlu l-għaġina tal-figolli. Il-Każin ta' Sant Elena, Birkirkara (tal-Bagri) offrilna għajnuna kbira billi tana s-sala tal-każin biex naħdmu fiha kif ukoll kellmilna forn qrib tal-każin biex inkunu nistgħu naħmu l-figolli fihom. Esperjenza sabiħa ħafna kienet meta jiena u Marie Claire morna niltaqgħu man-nies tal-każin biex niftehmu dwar il-loġistika u spiċċajna mdawrin minn numru kbir ta' nies kollha ħerqanin li jtuna l-għajnuna tagħhom. Bdew jistaqsuna x'jonqosna nagħmlu u meta għidnilhom li jonqosna xi ingredjenti, bdew jaraw kif jagħmlu u lil min jafu u li jistgħu isaqsu biex iġibulna dawn l-ingredjenti b'xejn jew bl-aħjar prezz possibli. Kienu nies li kienu lesti jagħmlu wiċċhom għall-għan tagħna ma' kulħadd u kienu lesti jċemplu jew saħansitra jmorru fuq il-post biex isaqsulna dak il-ħin stess. M'hemmx kliem ieħor li bihom nista' niddeskrivi dawn in-nies u din l-esperjenza ħlief tal-għaġeb! Vera nies ta' veru! Ħriġt minn hemmhekk imbellah u kuntent u nħoss li dawn in-nies għallmuni ħafna għaliex nistgħa nifhem li aħna l-voluntiera nkunu lesti biex naħdmu għal din l-esperjenza, imma kienet inkredibbli kif dawn in-nies li mhumiex involuti direttament fl-esperjenza tagħna xorta huma lesti li jagħtu ħinhom u dak kollu li jistgħu għal din l-esperjenza. Ma nafx l-ismijiet ta' dawk in-nies kollha li għinuna u li lesti biex jgħinuna f'dawk it-tlett ijiem bla waqfien (mis-26 sat-28 ta' Frar) li ħa nagħmlu naħdmu fuq il-figolli imma grazzi bil-qalb. Grazzi lil Renald li laqqgħana ma' dawn in-nies u ħadem magħna.

Din kienet l-esperjenza tiegħi u ta' Marie Claire imma l-voluntiera l-oħra għaddew minn esperjenzi simili meta kkuntatjaw nies oħra. Nirringrazzjaw ukoll lil Giormina li pprovdilna d-dqiq u z-zokkor biex isiru l-figolli kif ukoll lin-numru kbir ta' nies li ġabulna xi affarijiet b'xejn biex innaqsu mill-kwantitajiet li rridu nixtru bħal dawk li ġabulna xi kartun tal-bajd jew xi pakketti tal-marġerina. Ma' dawn irridu nirringrazzjaw ukoll lil dawk li diġà ordnaw il-figolli. Komplu sejrin hekk! Għandna iktar figolli xi nbiegħu.

Dan il-miraklu tal-figolli (jekk tippermettuli nsejjaħlu hekk) għadu biss fl-ewwel fażi tiegħu għax jekk nkomplu bir-ritmu li qbadna, meta niġu biex nagħmlu u naħmu dawn il-figolli ħa nesperjenzaw ħafna aktar. Ħerqan biex nara dan kollu jseħħ. Nipprova nirrakuntahulkom fil-blogg li jmiss għalkemm żgur li bil-kliem ma toħroġx il-qawwa kollha tas-sentimenti sbieħ li trabbew ġewwa fina.

Il-frott ta' din l-esperjenza mhuwiex biss l-għajnuna fiżika u materjali li ħa nkunu qed nagħtu fis-sajf. Diġà qed nirċievu ħafna minn din l-esperjenza. L-għajnuna u l-imħabba kbira li qed nesperjenzaw madwarna qed tgħina nikbru flimkien, qed tgħina nagħrfu s-sabiħ li aħna mdawwrin bih u nittama li dan kollu qegħdin ngħadduh lil dawk kollha li qed jaħdmu magħna, jgħinuna u likom ukoll li qed issegwu dan kollu.

Wiċċi għad-dawl

Henry

0 comments:

Post a Comment